Il-Maġistrati
Bħall-Imħallfin, il-Maġistrati jinħatru mill-President ta’ Malta li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-artikolu 96A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Maġistrati jippresjedu fil-Qrati Inferjuri u jgawdu mill-istess sigurtà tal-kariga bħall-Imħallfin, bis-salarju tagħhom ikun ukoll maħruġ mill-Fond Konsolidat u li ma jistax jitnaqqas (ara l-informazzjoni dwar l-Imħallfin).
Biex jinħatar Maġistrat, wieħed irid ikun ipprattika bħala avukat f’Malta għal mhux inqas minn seba’ snin. Sa ftit ilu, Maġistrat kellu jitlaq mill-kariga tiegħu meta jilħaq l-età ta’ sittin sena, li kienet anomalija peress li l-età ġenerali tal-uffiċjali pubbliċi li jirtiraw kienet ta’ wieħed u sittin sena. Din l-età obbligatorja tal-irtirar issa żdiedet għal ħamsa u sittin, u b’hekk saret konformi ma’ dik tal-Imħallfin. Maġistrat, bħall-Imħallfin, jista’ jagħżel li jibqa’ jservi sal-età ta’ tmienja u sittin sena.
Qabel ma jibda jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, Maġistrat irid jieħu quddiem il-President ta’ Malta l-ġurament preskritt ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.
Fil-Gżira ta’ Għawdex, il-Maġistrati jwettqu l-funzjonijiet ta’ Imħallfin f’ħafna materji ċivili. Fil-fatt il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) għandha ġurisdizzjoni doppja: ġuriżdizzjoni inferjuri li permezz tagħha tieħu konjizzjoni tal-kawżi kollha ta’ natura ċivili li f’Malta jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u ġuriżdizzjoni superjuri li permezz tagħha tieħu konjizzjoni, b’xi eċċezzjonijiet, tal-kawżi li f’Malta jinstemgħu mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u mill-Qorti Ċivili (it-Taqsima tal-Ġurisdizzjoni Volontarja). Eċċezzjoni notevoli hija fir-rigward ta’ applikazzjonijiet jew referenzi li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem (kemm f’termini tal-Kostituzzjoni kif ukoll f’termini tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem), li dejjem iridu jiġu pproċessati fl-ewwel istanza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta. Sa ftit żmien ilu, l-appelli minn sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġuriżdizzjoni superjuri tagħha nstemgħu minn qorti magħmula minn tliet Maġistrati li jivvjaġġaw regolarment lejn Għawdex minn Malta biex jisimgħu dawn l-appelli. Dawn l-appelli issa jinstemgħu f’Għawdex minn Imħallef wieħed.
Il-Qorti tal-Maġistrati, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex tisma u tiddeċiedi wkoll kawżi ta’ natura kriminali. Il-Kodiċi Kriminali jistipola illi reati li l-pieni tagħhom ma jabżux is-sentejn priġunerija għandhom jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati. Reat li l-pieni tagħhom jaqbżu s-sentejn prinġunerija għandhom jinstemgħu mill-Qorti Kriminali iżda l-Avukat Ġenerali jista’ jagħti l-kunsens tiegħu sabiex reati li l-pieni tagħhom huma bejn is-sentejn u s-sitt snin priġunerija jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati. Reati li l-piena tagħhom taqbeż is-sitt snin priġunerija huma soġġetti għall-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u f’każ li l-piena ma taqbiżx it-tnax-il sena priġunerija, l-Avukat Ġenerali jista’ jibgħat l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tiddeċiedi l-każ hi, diment li l-akkużat jagħti l-kunsens tiegħu. Reati li l-piena tagħhom taqbeż it-tnax-il sena priġunerija jiġu deċiżi mill-Qorti Kriminali ladarba tintemm il-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
- Maġistrat Dr Gabriella Vella (Maġistrat Anzjan)
- Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit
- Maġistrat Dr Marse-Ann Farrugia
- Maġistrat Dr Ian Farrugia
- Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras
- Maġistrat Dr Charmaine Galea
- Maġistrat Dr Joseph Mifsud
- Maġistrat Dr Monica Vella
- Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech
- Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo
- Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace
- Maġistrat Dr Rachel Montebello
- Maġistrat Dr Simone Grech
- Maġistrat Dr Astrid May Grima
- Maġistrat Dr Nadine Lia
- Maġistrat Dr Victor George Axiak
- Maġistrat Dr Brigitte Sultana
- Maġistrat Dr Noel Bartolo
- Maġistrat Dr Lara Lanfranco
- Maġistrat Dr Leonard Caruana
- Maġistrat Dr Elaine Rizzo
- Maġistrat Dr Kevan Azzopardi
- Maġistrat Dr Abigail Critien
- Maġistrat Dr Giannella Camilleri Busuttil
- Maġistrat Dr Joseph Gatt